18/06/2026
Infakkru li għada, il-Ġimgħa 19 ta’ Ġunju 2026, issir il-ġabra tal-ħġieġ ♻️🍾
Jekk jogħġobkom, oħorġu l-ħġieġ f’kontenitur li jista’ jerġa’ jintuża – pass żgħir li jagħmel differenza kbira għall-ambjent 🌍💚
Grazzi tal-koperazzjoni tagħkom! 🙏
18/06/2026
📲 Pulizija Tal-Komunità – WhatsApp Channels 🚓
Ingħaqad fil-WhatsApp Channel uffiċjali tal-Pulizija Tal-Komunità tal-lokalita tiegħek biex tkun aġġornat dwar avviżi importanti relatati mal-lokalita tiegħek.
X’se tirċievi fuq dan iċ-Channel?
✅ Avviżi rigward żoni ta’ rmonk u għeluq ta’ toroq
✅ Għarfien dwar il-prevenzjoni tal-kriminalità
✅ Twissijiet u aġġornamenti dwar kwistjonijiet ta sigurtà
✅ Aġġornamenti dwar inċidenti u emerġenzi fil-lokalità
Tista’ tidħol fil- WhatApp Channel tal-lokalita tiegħek billi tiskennja l-kodiċi QR jew billi tafas fuq link li tinsab fis-sezzjoni tal-kummenti.
🔒 In-numru tal-mowbajl tiegħek jibqa’ privat u mhux viżibbli għal ħaddieħor.
13/06/2026
🚧 Avviż Importanti lill-Pubbliku 🚧
Nixtiequ ninfurmawkom li għada, il-Ħadd 14 ta’ Ġunju, Pjazza Antoine De Paule ser tkun magħluqa għat-traffiku bejn it-8:00 ta’ filgħodu u s-6:00 ta’ filgħaxija minħabba xogħlijiet privati.
🚌 Minħabba din il-għeluq, it-trasport pubbliku mhux ser ikun jista’ jgħaddi mill-Pjazza u ser ikun qed juża rotot alternattivi kif ġej:
➡️ Rotot 81, 82, 82A, 82B, 84, 88 u 206 lejn Ħal Tarxien ser jgħaddu minn Triq il-Palma minflok minn Pjazza Antoine De Paule.
➡️ Rotot 83 u 214 ser jgħaddu minn Vjal Santa Luċija mingħajr ma jgħaddu mill-Pjazza.
🙏 Grazzi tal-koperazzjoni tagħkom u niskużaw ruħna għal kull inkonvenjent li dan jista’ jikkawża.
04/06/2026
Infakkru li għada, il-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju 2026, issir il-ġabra tal-ħġieġ ♻️🍾
Jekk jogħġobkom, oħorġu l-ħġieġ f’kontenitur li jista’ jerġa’ jintuża – pass żgħir li jagħmel differenza kbira għall-ambjent 🌍💚
Grazzi tal-koperazzjoni tagħkom! 🙏
02/06/2026
Il-Korporazzjoni Enemalta tixtieq tavża li minħabba xogħlijiet fuq is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, nhar il-Ħamis 4 ta' Ġunju 2026, il-provvista tal-elettriku tista' tkun sospiża f'dawn it-toroq bejn it-8:00 ta' filgħodu u s-1:00 ta' waranofsinhar :
Triq San Franġisk
Triq il-Kampanella
Triq Wied Blandun
Triq Ħaż Żabbar
Vjal it-28 ta' April
Għal aktar informazzjoni tistgħu iċċemplu fuq 8007 2224 jew iżżuru s-sit www.enemalta.com.mt
02/06/2026
Il-Kunsill Lokali Paola jsellem il-memorja ta’ Ms Josephine Frendo, li ġiet onorata b’Ġieħ Paola fid-19 ta’ Lulju 2025. Ms Frendo tibqa’ magħrufa bħala mara li qatt ma fittxet daqq ta’ trombi; kienet mara ta’ servizz. Kellha qalb kbira, mimlija mħabba u umiltà lejn il-komunità li tant ħabbitha u se tibqa’ tgħożżha fil-memorji tagħha.
Qed naqsmu magħkom bijografija rikka ta’ Ms Frendo liema memorji kienet qasmet mal-Kunsilliera Rose Piccinino qabel Jum Paola 2025.
Il-Kunsill Lokali Paola joffri l-kondoljanzi lill-familjari u ‘l-ħbieb tagħha.
Tistrieħ fis-sliem 🌹
Bijografija ta’ Ms Josephine Frendo miktuba wara intervista li għamiltilha l-Kunsilliera Rose Piccinino f’Lulju 2025.
Onorata b’ Ġieħ Paola fid-19 ta’ Lulju 2025
Josephine Frendo, magħrufa minn ħafna bħala ‘Ms Frendo’, twieldet fis-7 ta’ Frar 1935 f’Raħal Ġdid, bint Carmelo u Giovanna (nee Cassar). Hija kienet waħda minn żewġ tewmin, il-kbar fost 5 aħwa, flimkien ma’ oħtha t-tewmija Marion, Dun Salv, u t-tewmin iż-żgħar, Pauline u Connie. Matul ħajjitha, dejjem baqgħet tgħix fl-istess dar fejn trabbiet, fid-dar ‘tal-Granny’ fil-Pjazzetta.
L-edukazzjoni tagħha bdiet fl-Iskola Primarja ta’ Raħal Ġdid, u kompliet fl-Iskola Sekondarja St Theresa Grammar School, li dak iż-żmien kienet għadha f’Ħal Tarxien. Wara li kisbet l-O Levels, flimkien ma’ ċertifikati tax-shorthand u t-typing fl-1951, bdiet il-kors ta’ Spiżjara fl-Università ta’ Malta, imma l-qalb tagħha kienet imsejħa x’imkien ieħor. Ġiet imqanqla minn sens ta’ missjoni: dik li tgħallem.
Waqqfet l-istudji tagħha fil-farmaċija wara 6 xhur, u bdiet il-kors għal għalliema fil-Mater Admirabilis Training College fil-Kulleġġ tas-Sacred Heart. Hekk beda l-vjaġġ ta’ ħajjitha fl-edukazzjoni. Għamlet sitt snin tgħallem fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Tarxien, u fl-1960 għaddiet mill-eżami għal Assistent Kap ta’ Skola, fejn laħqet Assistent Kap tal-iSkola Primarja tal-Marsa.
L-impenn tagħha ġie rikonoxxut bi scholarship għal sena f’Digby Stuart College f’Roehampton, l-Ingilterra, fejn studjat biex tilħaq Kap ta’ Skola. Malli reġgħet lura Malta, saret Kap tal-Iskola Primarja ta’ Bormla, fejn serviet mill-1965 sal-1971. Iżda għal ħafna Pawlisti, l-isem ta’ Ms Frendo jibqa’ assoċjat mal-iSkola Primarja A ta’ Raħal Ġdid, fejn kienet Kap bejn l-1971 u l-1981. Aktar t**d serviet ukoll fl-Isla u f’Ħaż-Żabbar, fejn temmet il-karriera tagħha fl-1995.
Tul dan il-vjaġġ, Josephine kienet dejjem magħrufa għall-ġentilezza, għat-tjubija u għar-rispett li wriet lejn kulħadd – studenti, ġenituri u kollegi. Tħaddan lil kull min kien taħt il-kura tagħha b’qalb miftuħa u bl-akbar dedikazzjoni.
Il-kontribut tagħha ma kienx biss fl-iskejjel. Għal tletin sena sħaħ, bejn l-1994 u l-2024, serviet bħala Segretarja tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali tal-Parroċċa ta’ Kristu Re. Kienet preżenza kostanti u ta’ appoġġ, speċjalment fi żmien Mons. Dun Adolf Agius, fejn kienet tgħin ukoll fil-korrispondenza tal-parroċċa b’mod volontarju. Għamlet żmien ukoll isservi bħala Segretarja tal-Kummissjoni Liturġika u anke serviet bħala Ministru Straordinarju tat-Tqarbin. Fost is-servizz impekkabbli tagħha lill-Parroċċa, kienet ħietet, fost oħrajn il-purtieri l-antiki tas-sagristija u xi oġġetti oħra.
Għal snin twal kienet ukoll pilastru tal-fergħa tal-Azzjoni Kattolika tax-Xebbiet f’Raħal Ġdid. Bdiet bħala membru meta kellha 19-il sena, wara li waqfet tattendi l-MUSEUM tal-bniet, u kompliet tmexxi din il-fergħa b’ħeġġa u impenn sa ma kellha 85 sena.
Ms Josephine Frendo ġiet onorata mill-Kunsill Lokali Paola b’Ġieħ Paola fid-19 ta’ Lulju 2025 waqt iċ-ċerimonja ta’ Jum Paola quddiem il-Bażilika ta’ Kristu Re fi Pjazza Antoine de Paule.
Ms Frendo tibqa’ magħrufa bħala mara li qatt ma fittxet daqq ta’ trombi. Kienet mara ta’ servizz. Kellha qalb kbira, mimlija mħabba u umiltà lejn il-komunità li tant ħabbitha u se tibqa’ tgħożżha fil-memorji tagħha.
27/05/2026
Riħa ta’ fuel u ta’ ħruq fil-lokalità tagħna u ta’ madwarna.
Wara d-diversi lmenti li kien qed jirċievi u anke jinnota l-Kunsill Lokali Paola, ktibna lill-ERA (Environment & Resources Authority) sabiex niltaqgħu u niddiskutu x’azzjoni se tittieħed sabiex jiġi identifikat is-sors ta’ fuel fl-arja u r-riħa ta’ ħruq fil-lokalità tagħna u ta’ madwarna.
Importanti ħafna li kull min ixomm riħa tinten:
1. Iċempel dak il-ħin lill-ERA fuq 2292 3500 ħalli jkunu jistgħu jiġu jinvestigaw is-sors dak il-ħin. Dan in-numru jista' jintlaħaq 24 siegħa kuljum matul il-ġimgħa kollha, inkluż tmiem il-ġimgħa.
2. Jimla’ minnufiħ il-jotform : https://form.jotform.com/261453729125054 li ħejjejna bil-għajnuna ta’ Johann Gatt. B’hekk il-Kunsill ikollu prova diretta ta’ dak li qed nesperjenzaw ilkoll bħala kommunità.
Nitolbukom li tirraportaw b'mod responsabbli issa li għandkom l-għodda kollha biex dan isir.
Grazzi!
Kunsill Regjonali Port
ERA - Environment & Resources Authority
26/05/2026
🚨 Avviż Importanti 🚨
Il-Kunsill Lokali Paola jixtieq javża lill-pubbliku li l-uffiċċju tal-Kunsill ser ikun magħluq nhar is-Sibt 30 ta’ Mejju, jum il-votazzjoni.
Niskużaw ruħna għal kull inkonvenjent.
20/05/2026
Il-Korporazzjoni Enemalta tixtieq tavża li minħabba xogħlijiet fuq is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, nhar il-Ġimgħa 22 ta' Mejju 2026, il-provvista tal-elettriku tista' tkun sospiża f'dawn it-toroq bejn it-8:00 ta' filgħodu u s-1:00 ta' waranofsinhar :
Triq l-Ibjar
Triq il-Belt Valletta
Triq il-Baċir il-Ġdid
Għal aktar informazzjoni tistgħu iċċemplu fuq 8007 2224 jew iżżuru s-sit www.enemalta.com.mt